Għandek tirreferi s-sitwazzjoni fl-uffiċini ta’ Għajnuna Legali Malta. Agħfas hawn għad-dettalji tal-kuntatt.

F’kawżi ċivili, s-servizz tal-għajnuna legali huwa soġġett għall-kriterji t’evalwazzjoni. Agħfas hawn sabiex tirreferi għas-sezzjoni tat-test tal-mezzi u tal-merti.

F’kawżi kriminali, l-għajnuna legali mhiex soġġetta għat-test tal-mezzi. F’każijiet sommarji fil-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, l-Qorti tappunta avukat li jmissu t-turn tal-ġurnata. F’każijiet kriminali oħra, l-akkużat għandu jinforma lill-Qorti li jixtieq li jiġi assistit bl-għajnuna legali u din it-talba għandha tiġi reġistrata fl-atti tal-kawża. Il-Qorti tittrasmetti it-talba flimkien mad-dettalji tal-akkużat lill-Avukat residenti tal-Għajnuna Legali, fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta, li għandu jippreżenta risposta jekk it-talba ġietx aċċettata u l-isem tal-avukat.

L-għajnuna legali tingħata fil-każijiet kollha kriminali u kważi kollha f’dawk ċivili. F’każijiet ċivili, persuna trid tkun eliġġibli kemm mit-test tal-mezzi u kif ukoll minn dak tal-merti sabiex tkun eliġġibli.

Iżda, f’każijiet li jirrigwardaw korrezzjoni jew kanċellament ta’ reġistrazzjoni, jew dwar reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe ċertifikat tat-twelid, żwieġ jew mewt, il-kriterji t’evalwazzjoni tal-mezzi ma japplikawx.

Il-liġi tipprovdi dwar sitwazzjonijiet urġenti (bħal per eżempju ħruġ ta’ mandat) billi tippermetti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jottjeni awtorizzazzjoni proviżorja mill-Qorti kompetenti sabiex tippreżenta atti ġudizzjarji speċifiċi f’isem il-persuna li qed titlob l-għajnuna legali, u wara għandu jsir l-evalwazzjoni tad-dħul tal-mezzi, tal-mertu u proċedura.

Jekk wara l-Qorti kompetenti taqta’ l-benefiċċju tal-għajnuna legali, l-atti ġudizzjarji ppreżentati mill-Avukat tal-Għajnuna Legli ma jsirux nulli, iżda l-benefiċċju futur jiġi maqtugħ u l-Qorti tista’ tordna li l-ispejjeż magħmulha matul l-awtorizzazzjoni proviżorja jiġu mħallsa mill-applikant.

Il-formola tal-applikazzjoni tista’ timtela’ fl-uffiċċju tal-Għajnuna Legali Malta jew timtela l-formola li tinsab online billi tagħfas hawn. Il-kontenut tal-applikazzjoni għandu jiġi maħluf mill-applikant. It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir ukoll b’rikors quddiem il-Qorti Ċivili.

L-applikazzjoni sabiex jinbdew il-proċeduri għall-għajnuna legali għandha tinkludi dokumenti li huma mitluba taħt is-sezzjoni Għajnuna Legali f’każijiet Ċivili fuq il-webpage tal-Aġenzija: www.legalaidmalta.gov.mt.

Id-dokumenti annessi mal-applikazzjoni għandhom jirriflettu l-materja tal-kwistjoni li l-persuna tkun qed titlob sabiex tipproċedi dwarha. Per eżempju, jekk hemm talba dwar annullament ta’ żwieġ, għandu jiġi mehmuż kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ. Dokumenti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jkollu bżonn sabiex jkun jista’ jilħaq ir-raġuni għat-talba tal-għajnuna legali jew le, għandha tiġi prodotta lill-Avukat tal-Għajnuna legali meta mitluba.

L-applikant għas-servizz tal-għajnuna legali jiġi nfurmat formalment permezz ta’ notifikazzjoni b’SMS, bit-telefown, b’ittra jew b’imejl jekk l-applikazzjoni ġietx approvata għall-benefiċċju tal-għajnuna legali. L-applikant jiġi nfurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali u bin-numru tal-mowbajl tagħhom.

Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, huwa jiġi nfurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali li jkun ġie assenjat sabiex jassisti fil-proċeduri. L-applikant għandu jikkomunika mal-avukat assenjat lilu sabiex jagħmel appuntament ħalli jiddiskuti l-każ.

Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet approvata, l-applikant jiġi assenjat avukat u prokuratur legali li isimhom jidher fuq il-lista disponibbli lill-Qorti u isimhom jkun imiss skont ir-roster. Jekk l-applikant, għal raġuni valida, jixtieq ibiddel l-avukat għall-avukat ieħor li jmissu skont ir-roster, ikun meħtieġ li jsir rikors quddiem il-Qorti.

L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-Qorti tal-applikant. Għaldaqstant, l-applikant huwa eżentat mill-ħlas tat-tariffi jew milli jagħti garanzija għall-ispejjeż.

Jekk l-applikant jirbaħ l-azzjoni tal-każ tiegħu, ikollu jħallas l-ispejjeż tar-reġistru, tal-avukat, tal-prokuratur legali, tal-kuraturi u l-esperti (jekk ikun hemm) mill-ammont li jkun daħħal jew mid-dħul tal-bejgħ bis-subbasta tal-immobbli jew mobbli skont is-sentenza.

F’Malta, ma japplikax il-kunċett tas-servizz tal-għajnuna legali parzjali. Dan ifisser li l-applikant jew ikollu s-servizz tal-għajnuna legali kollu jew inkella t-talba għall-għajnuna legali tiġi miċħuda. Jekk il-parti li qed tingħata s-servizz tal-għajnuna legali tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-kawża, ir-Reġistratur tal-Qorti Ċivili u Tribunali ma jkunx jista’ jitlob li jitħallsu lura l-ispejjez tar-Reġistru mill-parti rebbieħa.

Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, jkun intitolat għall-assistenza tal-għajnuna legali fil-livelli kollha, inkluż assistenza legali quddiem il-qrati tal-appell.

Jekk jiġi ppruvat lill-Qorti li tul iż-żmien li l-applikant kien jibbenefika mill-għajnuna legali, kien konxju li kellu fil-pussess tiegħu kapital jew dħul aktar minn dak li jistabilixxi l-liġi sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna legali, jew anke matul is-smiegħ tal-każ l-applikant kien konxju li żdiedlu d-dħul tiegħu aktar minn dak li tistabilixxi l-liġi, u ma rraportax dan, il-Qorti tista’ tikkundanna lill-applikant għal disprezz lejn il-Qorti. Jista’ jinbeda ukoll każ ta’ sperġur kontra l-applikant.

Fiż-żewġ każijiet, l-applikant huwa responsabbli għall-ispejjeż kollha tal-każ bl-istess responsabilita’ daqs li kieku ma kienx jibbenefika mill-għajnuna legali.

M’hemmx appell mid-deċiżjoni meta tiġi rifjutata t-talba għall-għajnuna legali.  Iżda, jekk ir-rapport magħmul mill-Avukat tal-Għajnuna Legali ma jkunx favur l-applikant, il-Qorti Ċivili għandha teżamina ir-rapport, u tagħti opportunita’ lill-partijiet sabiex jagħmlu sottomissjonijiet qabel tiddeċiedi jekk għandiex taċċetta r-rapport negattiv jew jekk tirrifjutax ir-rapport u tammetti lill-parti għat-talba.

Artiklu 926 tal-Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta jgħid li Kumpaniji reġistrati taħt l-Att dwar il-Kumpaniji m’humiex intitolati għall-benefiċċju tal-għajnuna legali.

F’każijiet kriminali, l-għajnuna legali mhux soġġetta għall-evalwazzjoni dwar id-dħul.

Il-liġi applikabbli għall-ammissjoni benefiċċju tal-għajnuna legali sabiex tħarrek jew tiddefendi bil-benefiċċju tal-Għajnuna Legali f’każijiet Ċivili tinsab taħt Titlu X tal-Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta (Artikoli 911 sa 926).

Skip to content