Thu, 22/05/2025 - 11:20
Stqarrija tad-DOI: PR250862 - 21/05/2025
Stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni dwar it-tnedija tal-Legal Aid Management System lejn ġustizzja aktar aċċessibbli f'era diġitali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard nieda l-‘Legal Aid Management System’ (LAMS), pjattaforma diġitali ġdida mmirata biex tagħmel l-aċċess għall-għajnuna legali aktar effiċjenti u qrib iċ-ċittadin. Din il-pjattaforma ser twassal għal sistema ġudizzjarja moderna, aċċessibbli u trasparenti.
Waqt it-tnedija, li saret fil-Public Service Expo Village 2025, il-Ministru Attard tenna l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ is-servizzi offruti lill-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn għajnuna legali, u dan jixhdu l-investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro f’dan il-proġett, iffinanzjat taħt il-programm NextGenerationEU.
“Dan il-pass jirrappreżenta viżjoni ċara lejn ġustizzja li tkun dritt aċċessibbli għal kulħadd, mhux privileġġ għal ftit. Il-Legal Aid Management System hija riżultat ta’ ħidma estensiva ma’ diversi stakeholders, se timminimizza l-ostakli li persuna tista’ taffaċċja meta tfittex l-għajnuna legali. Issa, l-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jsiru online jew permezz ta’ hubs tas-servizz.gov f’diversi lokalitajiet madwar Malta, fosthom il-Birgu, iż-Żejtun, Birkirkara u San Pawl il-Baħar,” spjega l-Ministru Attard.
Il-Ministru Attard kompla biex jispjega li din is-sistema mhux biss ser toffri servizz aktar aċċessibbli u professjonali, iżda tipprovdi wkoll għodda b’saħħitha lill-professjonisti legali sabiex jimmaniġġjaw każijiet b’mod strutturat u trasparenti, filwaqt li joffru servizz uman u b’dinjità.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar żieda ta’ 38% fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Aġenzija tal-Għajnuna Legali meta mqabbel mas-sena preċedenti u l-investiment bla preċedent fir-riżorsa umana hekk kif l-Aġenzija żiedet l-għadd ta’ avukati minn 24 għal 56 sabiex toffri servizz aktar speċjalizzat u professjonali.
“Fl-aħħar sena biss, saru aktar minn 2,000 talba għall-għajnuna legali, b’madwar 500 oħra fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Din hija konferma li s-servizz huwa meħtieġ u qed jilħaq lil min verament għandu bżonnu,” tenna l-Ministru Attard.
Il-Ministru temm jirringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, Bruno Zahra, kif ukoll lill-ħaddiema kollha involuti, lill-avukati u prokuraturi, u lis-Segretarji Permanenti talli b’dedikazzjoni għamlu dan il-proġett realtà.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea tkellem dwar l-importanza li l-entitajiet varji jipprogressaw skont l-era diġitali f’dinja teknoloġika li jekk tintuża b’mod tajjeb tista’ żżid bil-bosta l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà. Fl-istess waqt huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ u l-kollaborazzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra qal li l-introduzzjoni ta’ LAMS hija pass ċar lejn ġustizzja aktar aċċessibbli, moderna u effiċjenti. “Dan mhux biss proġett teknoloġiku, iżda pjattaforma b’viżjoni umana, li tqiegħed iċ-ċittadin fiċ-ċentru tas-servizz legali. B’LAMS, Legal Aid Malta qed twassal bidla sinifikanti fis-settur pubbliku, fejn it-teknoloġija u l-valuri fondamentali ta’ empatija, trasparenza u kompetenza jingħaqdu biex joffru servizz verament dinjituż,” tenna s-sur Zahra.
