Navigazzjoni
Dokumenti Mitluba u Kif Tipproċedi f’Kawżi Kriminali
F’kawżi kriminali ma jintalbux dokumenti dwar id-dħul tagħha sabiex persuna tkun eliġibbli. Persuna għandha ssaqsi lil Pulizija, lill-Maġistrat jew l-Imħallef li qed jippresedi l-każ, jattendi l-hubs ta' Servizz.gov (Birgu, Żejtun, Birkirkara jew San Pawl il-Baħar), tapplika online jew tirrikorri fl-uffiċini tagħna, sabiex titlob li tiġi assistita bl-għajnuna legali.
Jekk ser titlob l-assistenza mill-hubs ta' Servizz.gov, tapplika online jew tattendi fl-uffiċini tal-Aġenzija, il-persuna għandha tieħu ħsieb li titlob l-għajnuna fi żmien tajjeb qabel smiegħ tal-kawża sabiex isiru l-proċeduri meħtieġa w l-klijent jkollu żmien biżżejjed biex ikellem lill-avukat assenjat. Għandha jkollha dokument tal-identita' valida (karta tal-identita', passport etc), it-taħrika u l-att tal-akkuża li tkun irċeviet. Persuna li tattendi fl-aħħar jiem qabel is-smiegħ tal-kawża ma ntuhiex ċertezza li ħa tinqeda.
Għajnuna Legali Mitluba Waqt L-Interogazzjoni U /Jew Taħt Arrest
Persuna li ġiet imsejħa għall-interogazzjoni mill-Pulizija jew ġiet arrestata għandha dritt li tkellem avukat tal-għajnuna legali li jkun fuq it-turn tal-ġurnata. Din il-persuna għandha titlob lill-Pulizija li qed jinterrogawha /jarrestawha għall-assistenza tal-avukat tal-għajnuna legali. L-avukat li jagħti l-parir inizjali lil persuna waqt l-interogazzjoni u/jew meta taħt arrest għandu jibqa' jassisti u jirrapreżenta lill-akkużat miġjub quddiem il-Qorti sal-istadju finali tal-kawża.
Appell Minn Sentenza
Persuna megħjuna bl-avukat tal-għajnuna legali li trid tappella minn sentenza deċiża fil-Qorti tal-Maġistrati, għandha b’mod immedjat tinforma l-Avukat tal-Għajnuna Legali li jkun qed jassisti sabiex jivvaluta jekk hemmx raġunijiet biżżejjed għall-appell. Jekk ikun hemm raġunijiet biżżejjed, l-appell jkun jeħtieġ li jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Kriminali fi żmien tnax-il ġurnata tax-xogħol mid-data tas-sentenza. M’hemmx bżonn isir it-test tal-mezzi.
Persuna li ġiet ikkundanata mill-Qorti tal-Maġistrati u s-sentenza ġiet appellata mill-prosekuzzjoni tista’ tiġi assistita bl-għajnuna legali. Persuna għandha titlob l-avukat tal-għajnuna legali li jkun assista biex tkompli tassistiha, inkella tista’ tirrikorri fl-uffiċini tagħna sabiex niddireġuha skont ma jkun meħtieġ.
Rilaxx Minn Avukat Privat
Persuna li qed titlob servizz ta' għajnuna legali li qabel kienet assistita minn avukat privat trid tissottometti ittra ta' rilaxx lill-Aġenzija Għajnuna Legali Malta sabiex tkun tista' tieħu l-każ u l-klijent jiġi assenjat b'avukat tal-għajnuna legali. L-Aġenzija ma tkunx f'pożizzjoni li tgħin klijent għal każ mingħajr l-ittra bil-miktub ta' rilaxx minn avukat privat li kien qed jassisti qabel.
Jekk għal raġuni valida l-avukat privat jinsisti li ma jagħtix ir-rilaxx, il-klijent jista' jagħżel li jmur għand il-Kumitat għall-Avukati u l-Prokuraturi Legali fi ħdan il-Kamra tal-Avukati u jitlob id-direzzjoni tagħhom.
