Dokumenti Mitluba U Kif Tipproċedi F’kawżi Ċivili
Sabiex isir appuntament mal-avukat tal-għajnuna legali residenti fl-Aġenzija, persuna għandha l-ewwel tipproduċi dawn id-dokumenti (jew dawk id-dokumenti li japplikaw għal persuna skont il-każ) hawn taħt imsemmija biex isir it-test tal-mezzi w jiġi stabilit jekk il-persuna hija eliġibli għall-għajnuna legali:
- Karta tal-identità, passaport, jew dokument maħruġ mill-awtoritajiet Maltin li jidentifikaw li l-persuna hija ċittadin fuq il-gżejjer Maltin.
- Dokument mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li juri l-ammont ta’ flus li l-persuna irċeviet tul l-aħħar tnax-il xahar.
- FS3 tax-xogħol / Payslips tal-paga minn xogħol kemm full-time u part-time li rċievejt matul l-aħħar tnax-il xahar.
- Dokument oħra minn dħul li tirċievi bħalma huma manteniment li tirċievi mill-parti l-oħra, kera li tirċievi minn propjeta' mikrija, kera li tirċievi mill-Gvern, interessi li tirċievi, benefiċju tas-saħħa li tirċievi (DSS), children's allowance li tirċievi w oħrajn.
- Rendikont (statement) tal-aħħar tnax-il xahar ta’ kull kont bankarju li l-persuna li qed tapplika għall-għajnuna legali għandha f’isimha;
- Dikjarazzjoni ta' flus kontanti miżmuma minnek.
- Dokumenti relatati ma' investimenti f'ismek, bħalma huma shares, bonds, insurance policies u oħrajn.
- Dokument mill-Aġenzija tax-Xogħol li juri l-job history tal-persuna.
- Dokumenti ta’ evidenza ta' kuntratt legali ta’ kera u rċevuti ta’ pagament jekk qed tgħix ġo post mikri.
- Digriet tal-Qorti dwar ordni ta’ ħlas ta’ manteniment lill-parti l-oħra u lit-tfal u rċevuti ta’ ħlas dwarhom.
- Tiddikjara il-propjetajiet kollha (mobbli jew immobbli) f'ismek u tipprovdi kuntratti relatati.
- Tiddikjara il-kumpaniji kollha li għandek f'ismek u tipprovdi memorandum of articles relatati.
- Dokumenti li l-persuna rċeviet mill-Qorti għal każ li tixtieq li tiġi assistita bl-għajnuna legali.
- Dokumenti oħra relatati, per eżempju:
- Għal separazzjoni personali: ċertifikat taż-żwieġ u ċertifikati tat-twelid tal-ulied;
- Għall-annullament taż-żwieġ jew divorzju: kopja tal-kuntratt ta’ separazzjoni;
- Għal bdil fid-detallji fiċ-ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku: ċertifikat tat-twelid / tal-mewt / taż-zwieġ tal-persuna;
- Kwistjonijiet dwar wirt: kopja tat-testment, etċ.
Wara li jiġu ppreżentati d-dokumenti li japplikaw għal persuna skont il-każ, l-Aġenzija tistabilixxi jekk il-klijent huwiex eliġibbli għas-servizz tal-għajnuna legali. Jekk persuna tkun eliġibbli, tingħata appuntament mal-avukat residenti tal-għajnuna legali sabiex tiddiskuti l-problema u/jew il-każ li għandha. L-avukat jinfurmaha jekk għandhiex raġunijiet tajba biex tibda proċedimenti jew biex tagħmel id-difiża tagħha skont kif ikun il-każ.
Appell Minn Sentenza f’Materji Ċivili
L-avukat u l-prokuratur legali assenjati lill-klijent tal-għajnuna legali jibqaw responsabbli għall-kawża assenjata lilhom kif ingħad qabel sakemm din tkun definittivament konkluża, anke jekk il-perjodu tal-ħatra tagħhom jkun skada.