Navigazzjoni
Dokumenti Mitluba u Kif Tipproċedi f’Kawżi Kriminali
F’kawżi kriminali ma jintalbux dokumenti dwar id-dħul tagħha sabiex persuna tkun eliġibbli. Persuna għandha ssaqsi lil Pulizija, lill-Maġistrat jew l-Imħallef li qed jippresedi l-każ, jattendi l-hubs ta' Servizz.gov (Birgu, Żejtun, Birkirkara jew San Pawl il-Baħar), tapplika online jew tirrikorri fl-uffiċini tagħna, sabiex titlob li tiġi assistita bl-għajnuna legali.
Jekk ser titlob l-assistenza mill-hubs ta' Servizz.gov, tapplika online jew tattendi fl-uffiċini tal-Aġenzija, il-persuna għandha tieħu ħsieb li titlob l-għajnuna fi żmien tajjeb qabel smiegħ tal-kawża sabiex isiru l-proċeduri meħtieġa w l-klijent jkollu żmien biżżejjed biex ikellem lill-avukat assenjat. Għandha jkollha dokument tal-identita' valida (karta tal-identita', passport etc), it-taħrika u l-att tal-akkuża li tkun irċeviet. Persuna li tattendi fl-aħħar jiem qabel is-smiegħ tal-kawża ma ntuhiex ċertezza li ħa tinqeda.
Għajnuna Legali Mitluba Waqt L-Interogazzjoni U /Jew Taħt Arrest
Persuna li ġiet imsejħa għall-interogazzjoni mill-Pulizija jew ġiet arrestata għandha dritt li tkellem avukat tal-għajnuna legali li jkun fuq it-turn tal-ġurnata. Din il-persuna għandha titlob lill-Pulizija li qed jinterrogawha /jarrestawha għall-assistenza tal-avukat tal-għajnuna legali. L-avukat li jagħti l-parir inizjali lil persuna waqt l-interogazzjoni u/jew meta taħt arrest għandu jibqa' jassisti u jirrapreżenta lill-akkużat miġjub quddiem il-Qorti sal-istadju finali tal-kawża.
Appell Minn Sentenza
Persuna megħjuna bl-avukat tal-għajnuna legali li trid tappella minn sentenza deċiża fil-Qorti tal-Maġistrati, għandha b’mod immedjat tinforma l-Avukat tal-Għajnuna Legali li jkun qed jassisti sabiex jivvaluta jekk hemmx raġunijiet biżżejjed għall-appell. Jekk ikun hemm raġunijiet biżżejjed, l-appell jkun jeħtieġ li jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Kriminali fi żmien tnax-il ġurnata tax-xogħol mid-data tas-sentenza. M’hemmx bżonn isir it-test tal-mezzi.
Persuna li ġiet ikkundanata mill-Qorti tal-Maġistrati u s-sentenza ġiet appellata mill-prosekuzzjoni tista’ tiġi assistita bl-għajnuna legali. Persuna għandha titlob l-avukat tal-għajnuna legali li jkun assista biex tkompli tassistiha, inkella tista’ tirrikorri fl-uffiċini tagħna sabiex niddireġuha skont ma jkun meħtieġ.
