May 22, 2025
Stqarrija - 21/05/2025 dwar it-tnedija tal-Legal Aid Management System (LAMS) lejn ġustizzja aktar aċċessibbli f ' era diġitali
Stqarrija tad-DOI: PR250862 - 21/05/2025Stqarrija mill-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni dwar it-tnedija tal-Legal Aid Management System lejn ġustizzja aktar aċċessibbli f'era diġitali.Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard nieda l-‘Legal Aid Management System’ (LAMS), pjattaforma diġitali ġdida mmirata biex tagħmel l-aċċess għall-għajnuna legali aktar effiċjenti u qrib iċ-ċittadin. Din il-pjattaforma ser twassal għal sistema ġudizzjarja moderna, aċċessibbli u trasparenti. Waqt it-tnedija, li saret fil-Public Service Expo Village 2025, il-Ministru Attard tenna l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ is-servizzi offruti lill-persuni vulnerabbli li għandhom bżonn għajnuna legali, u dan jixhdu l-investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro f’dan il-proġett, iffinanzjat taħt il-programm NextGenerationEU. “Dan il-pass jirrappreżenta viżjoni ċara lejn ġustizzja li tkun dritt aċċessibbli għal kulħadd, mhux privileġġ għal ftit. Il-Legal Aid Management System hija riżultat ta’ ħidma estensiva ma’ diversi stakeholders, se timminimizza l-ostakli li persuna tista’ taffaċċja meta tfittex l-għajnuna legali. Issa, l-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jsiru online jew permezz ta’ hubs tas-servizz.gov f’diversi lokalitajiet madwar Malta, fosthom il-Birgu, iż-Żejtun, Birkirkara u San Pawl il-Baħar,” spjega l-Ministru Attard. Il-Ministru Attard kompla biex jispjega li din is-sistema mhux biss ser toffri servizz aktar aċċessibbli u professjonali, iżda tipprovdi wkoll għodda b’saħħitha lill-professjonisti legali sabiex jimmaniġġjaw każijiet b’mod strutturat u trasparenti, filwaqt li joffru servizz uman u b’dinjità. Il-Ministru tkellem ukoll dwar żieda ta’ 38% fl-allokazzjoni finanzjarja għall-Aġenzija tal-Għajnuna Legali meta mqabbel mas-sena preċedenti u l-investiment bla preċedent fir-riżorsa umana hekk kif l-Aġenzija żiedet l-għadd ta’ avukati minn 24 għal 56 sabiex toffri servizz aktar speċjalizzat u professjonali. “Fl-aħħar sena biss, saru aktar minn 2,000 talba għall-għajnuna legali, b’madwar 500 oħra fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Din hija konferma li s-servizz huwa meħtieġ u qed jilħaq lil min verament għandu bżonnu,” tenna l-Ministru Attard. Il-Ministru temm jirringrazzja lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali, Bruno Zahra, kif ukoll lill-ħaddiema kollha involuti, lill-avukati u prokuraturi, u lis-Segretarji Permanenti talli b’dedikazzjoni għamlu dan il-proġett realtà.Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea tkellem dwar l-importanza li l-entitajiet varji jipprogressaw skont l-era diġitali f’dinja teknoloġika li jekk tintuża b’mod tajjeb tista’ żżid bil-bosta l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà. Fl-istess waqt huwa tkellem ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ u l-kollaborazzjoni. Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra qal li l-introduzzjoni ta’ LAMS hija pass ċar lejn ġustizzja aktar aċċessibbli, moderna u effiċjenti. “Dan mhux biss proġett teknoloġiku, iżda pjattaforma b’viżjoni umana, li tqiegħed iċ-ċittadin fiċ-ċentru tas-servizz legali. B’LAMS, Legal Aid Malta qed twassal bidla sinifikanti fis-settur pubbliku, fejn it-teknoloġija u l-valuri fondamentali ta’ empatija, trasparenza u kompetenza jingħaqdu biex joffru servizz verament dinjituż,” tenna s-sur Zahra.
Latest
May 08, 2025
Vacancy for Manager (ICT) - Jobsplus Permit no: 432/2025
More information can be viewed by clicking on the link: JOB DESCRIPTI
Mar 24, 2025
Child Friendly Justice
On the 14th March 2025, Legal Aid Malta Agency launched a child friendly brochure for professionals with relevant information on the rights of the child.
Jan 29, 2025
Snippets from history on legal aid - Early years of the Order of the Knights of St. John of Jerusalem
Snippets from the history on legal aid in Malta during the early years of the Order of the Knights of St.
Apr 20, 2023
Civil Legal Aid Cases
Documents Required And How To Proceed In Civil ProceduresBefore scheduling an appointment with the residenti advocate for legal aid, a person needs to present th